Categories
Formazzjoni kontinwa

Il-Pastorali tal-Knisja wara Covid-19

3 ta’ April 2020
Segwi l-kelliema tat-tieni sessjoni.

Mument ta’ talb tal-bidu u avviżi

Is-sessjoni bdiet b’talba miktuba minn P. Adolfo Nicolàs SJ u informazzjoni dwar iż-żewġ irtiri li jmiss:

  1. Directed retreat immexxi minn Fr Konrad Grech SJ (Mount St. Joseph – numru limitat) – 22-29 Ġunju
  2. Irtir immexxi minn Fr Daniel Xerri (Dar Stella Maris, Għawdex – preached): 6-10 Lulju.

Fr Fabio Attard SDB:

Artikli minn La Civiltà Cattolica:
Artikli minn L’Osservatore Romano:
Artikli minn Financial Times:
Artikli minn La Croix:
Ġabra ta’ artikli:

Fr Fabio Attard SDB uża l-immaġni ta’ min miexi f’tunnel biex jindika tlett għażliet importanti li jgħinuna naslu f’post aħjar u mhux nirritornaw għall-bidu tat-tunnel. Dan jitlob

(i) riflessjoni ħierġa mill-fidi;

(ii) Inkunu attenti kif nagħmlu l-għażliet li jsiru f’kuntest ta’ emerġenza. L-għażliet kif qed noħduhom? Huma f’konnessjoni mar-realtà? Għandhom l-għeruq fil-Vanġelu?;

(iii) nagħarfu ċ-ċentralità ta’ mixja flimkien (sinodali): Xi tfisser ir-relazzjoni pastorali? Din kif twassal għal tiġdid fil-mod kif jiġi iċċelebrat ir-rit? Kif tmantni d-djakonija?


Mons. Isqof Joseph Galea Curmi:

Mons Isqof Joe Galea Curmi rabat l-esperjenza li ġarrabna tul dawn il-ġimgħat mal-proċess ta’ tiġdid tal-Knisja f’Malta fid-dawl tal-4 attitudnijiet li nsibu f’Evangelii Gaudium. Hekk per eżempju

(i) Knisja li tisma: ġejna aktar konxji tal-importanza tal-Kelma t’Alla. Kif ser nittraduċu dan f’pastorali biblika aktar sħiħa? Is-smiegħ ta’ Alla u tan-nies fir-realtajiet varji kif jgħinna niżviluppaw lingwaġġ li inissel tama mhux skuraġġiment jew paraliżi?

(ii) Knisja li tilqa’: filwaqt li minħabba s-social distancing ġejna aktar konxji tal-valur tal-komunità, issa se nibdew il-quddies b’numri iżgħar. Kif nedukaw għal komunità inklużiva billi dawk li jattendu iservu ta’ pont ma’ oħrajn?;

(iii) Knisja li takkumpanja: kif ser nakkumpanjaw il-familji fl-isfidi li qed jaffaċċjaw? Per eżempju fir-rwol tagħhom bħala l-ewwel edukaturi fil-fidi?

(iv) Knisja li toħroġ: matul il-lockdown stajna napprezzaw kemm l-għeluq mentali jista’ jfisser staġnar. Filwaqt li kellna nwaqqfu ħafna mill-attivitajiet “tas-soltu”, tajjeb ninnutaw x’inhuma l-affarijiet li nibtu u ta’ min isaħħaħ u kif jieħdu prijorità fuq dawk li huma sekondarji.


Prof. Godfrey Baldacchino:

Staqsi permezz ta’ email: [email protected]

Prof. Godfrey Baldacchino indika tliet perspettivi interessanti li jorjentaw il-ministeru tal-qassis f’dan iż-żmien li ġej.

(i) Parti mill-bidla li ser isseħħ fis-soċjetà tiddependi mill-għażliet li nagħmlu aħna. Wara l-esperjenza tal-Covid-19, iddeċidejt li tibdel xi aspett mill-istil tal-ħajja tiegħek? Eż. tuża inqas il-karozza/laqgħat online biex tieħu ħsieb aktar l-ambjent?

(ii) Se nkunu attenti biss għal dak li jidher jew anke għal dak li ma jidhirx? Eż. Hemm nies li kellhom iwaqqfu kors għax il-limiti tad-dar ma jippermettulhomx. Minħabba li l-pandemija ħadet l-attenzjoni kollha faċli l-urġenza tat-tibdil fil-klima ninsewha.

(iii) L-esperjenza tal-Covid-19 ħalliet ferita ta’ suspett bejnietna. Kif ser nibnu komunitajiet fejn ninvestu mhux biss f’bonding social capital (nieħdu ħsieb dawk li komdi magħhom) iżda wkoll fi bridging social capital (fejn nestendu l-id ta’ ħbiberija flok neskludu/ningħalqu).


Kummenti waqt is-sessjoni:

Fid-diskussjoni ħarġu punti konkreti kif nistgħu nittraduċu dan kollu f’għażliet pastorali konkreti. Dan jitlob kreattività li ħierġa minn imħabba pastorali.

  • Filwaqt li naqbel mad-direttivi li ħargu, nixtieq nistaqsi għaliex ma ġewx preżentati lilna s-saċerdoti speċjalment dawk li naħdmu fil-parroċċi l-ewwel, b’tali mod li nkunu nistgħu aħna naraw l-ewwel kif se jaffetwawna, kulħadd skont l-eżiġenzi tal-parroċċa tiegħu? Kif ġara, (bħal ma jispiċċa jiġri dejjem) ħargu fil-media miftuħa għall-pubbliku u kulħadd jinterpretaha kif irid, bir-riżultat li f’sitwazzjoni diġa’ diffiċli biex fiha nwasslu avviżi lill-parruċċani tagħna, iktar inħolqot konfużjoni.
  • Prof. Baldacchino, l-istudenti fil-lecture rooms hija l-komunita’ tiegħi, sħabi l-lecturers huma wkoll il-komunita’ tiegħi, il-parruċċani huma l-komunita’ tiegħi wkoll, in-nies li naf u li ma nafx, dawk li nsejħulhom “tal-periferiji” huma wkoll il-komunita’ tagħna … Tista’ tgħidilna x’hemm komuni f’dawn il-komunitajiet li jagħmilhom il-komunita’ tiegħi u tiegħek u tal-oħra u tal-ieħor …? Għax il-pern tal-ħajja wara covid qisu li huwa IL-KOMUNITA’. Grazzi tal-input tiegħek.

    Godfrey Baldacchino : grazzi tal-kumment. Il-komunitajiet taghna bhalissa huma ghatxana ghal relazzjoni. REACH OUT -anki bit-teknologija
  • Żgur illi wieħed mill-effetti li se jħalli s-social distancing fuq il-ħajja sagramentali hija dwar il-Qrar li hu tant importanti fil-ħajja spiritwali tal-poplu. Barra minn hekk dan jaffettwa wkoll it-tqarbin lill-morda fid-djar tagħhom.

    Godfrey Baldacchino : Veru. Imma nistgħu infittxu spalla u serħan u rifuġju b’modi oħra?
  • Nieħu gost li semmejtu r-refuġjati. Dak li ġara l-bieraħ fil-Marsa, zgur mhux ta’ min ifaħħru imma l-mod kif saret r-rejazzjoni ta’ ħutna l-Maltin xejn m’hi nisranija u jurina kemm qiegħed jikber ir-razziżżmu fostna.

    Godfrey Baldacchino : Iva. Immigranti mingħajr isem mhumiex persuni, imma theddida, problema, pedina politika użata mill-Gvern kontra l-Unjoni Ewropeja … Grazzi ħafna u għamlu kuraġġ 🙂
  • Nixtieq nagħmel premura wkoll biex id-direttivi rigward il-festi ma jinbidlux. Qed ngħid dan għaliex fuq facebook bosta qed jistaqsu rigward permess biex isiru xi konsiderazzjonijiet skont il-parroċċi individwali.

    Grazzi u prosit.

Min jixtieq jaqsam ma’ saċerdoti oħra xi riflessjonijiet li jistgħu isaħħuna f’dan li ġie diskuss, jista’ jikteb f’dan il-link. Dawn jinġabru u jitqassmu lil kulħadd. Kull saċerdot għandu don x’jgħaddi lil ħaddieħor. (Ħossok liberu jekk tixtieqx tniżżel ismek).

Fuq kollox inkomplu nakkumpanjaw lil xulxin bil-preżenza u t-talb.